Inawgurata sistema nazzjonali ta’ allerti għal każijiet ta’ tfal neqsin u ta’ tfal maħtufin
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI – Malta inawgurat uffiċjalment sistema nazzjonali ta’ allerti għal każijiet ta’ tfal neqsin li jkunu fil-periklu u ta’ ħtif tat-tfal. Permezz tas-sistema tal-AMBER Alert, il-Pulizija tista’ tgħarraf lill-pubbliku malajr meta jkollha l-biża’ li l-ħajja ta’ tifel jew tifla li jkunu nħatfu jew għebu tkun f’periklu imminenti. Dan isir bl-użu ta’ firxa ta’ mezzi bħat-televixin, ir-radju, it-tabelli tat-toroq b’avviżi li jinbidlu, it-trasport pubbliku, il-messaġġi bil-mowbajl, l-istrixxuni fuq is-siti elettroniċi, l-iskrins tar-reklami, u l-midja soċjali. B’hekk, il-pubbliku jkun f’pożizzjoni aħjar biex jgħin lill-Pulizija sabiex tifel jew tifla li jkun neqsin u li jkunu jinsabu f’periklu imminenti u serju jinstabu malajr kemm jista’ jkun.
Il-Pulizija Maltija ngħaqdet mal-organizzazzjoni internazzjonali bla skop ta’ qligħ AMBER Alert Europe biex tistabbilixxi s-sistema u tikkollegaha ma’ dik ta’ Stati membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb li tissaħħaħ il-koperazzjoni transkonfinali bejn il-pulizija u tiżdied l-informazzjoni għall-pubbliku biex jiġu salvati l-ħajjiet tat-tfal neqsin. Malta hija r-raba’ pajjiż li qed jagħmel użu mis-sistema tal-AMBER Alert ipprovduta mill-AMBER Alert Europe wara n-Netherlands, l-Islovakkja, u l-Lussemburgu.
“Tul is-snin, il-kwistjoni tat-tfal maħtufin jew neqsin dejjem ngħatat l-ikbar prijorità mill-Pulzija tagħna, u t-twaqqif tal-AMBER Alert System huwa affermazzjoni oħra tal-impenn tal-Korp tal-Pulizija f’dan il-qasam,” qal il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, waqt l-inawgurazzjoni uffiċjali li saret fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija,il-Furjana.
Il-Ministru qal li s-sħubija ta’ Malta mal-AMBER Alert Europe m’hix se tkun limitata għall-ħruġ tal-allerti nazzjonali iżda se tikkontibwixxi wkoll għall-prevenzjoni tal-għibien tat-tfal u biex il-ġenituri u l-kustodji tat-tfal ikunu mħejjijin dwar x’għandhom jagħmlu f’każ ta’ għibien tat-tfal.
Huwa ħabbar li l-Pulizija Maltija ngħaqdet ukoll man-netwerk tal-pulizija dwar it-tfal neqsin, li huwa struttura informali li tlaqqa’ flimkien lill-esperti tal-infurzar tal-liġi fil-qasam tat-tfal neqsin u tal-allerti dwar it-tfal, u li tipprovdilhom appoġġ, pariri, u taħriġ speċjalizzati.
“Aħna l-Maltin minn dejjem għożżejna l-valur fundamentali tal-ġid u l-protezzjoni tat-tfal,” qal il-Ministru. “Il-gvern Malti huwa impenjat li jieħu inizjattivi biex jippromwovi l-benesseri tat-tfal u jissalvagwardja l-aħjar interessi tagħhom. Dan se jkun rifless ukoll fil-Presieenza tagħna tal-Kunsill tal-UE, li matulha se nkunu qed naħdmu bis-sħiħ biex naraw aktar żviluppi fil-livell Ewropew dwar il-kwistjoni tat-tfal neqsin.”
Il-Presidenza Maltija se tibni fuq ix-xogħol li bdiet il-Presidenza tan-Netherlands u li komplietu dik Slovakka f’dan il-qasam, billi timbotta ’l quddiem u tkompli tiżviluppa l-kunċett tal-allerti preventivi fil-Grupp ta’ Ħidma dwar Materji Relatati ma’ Schengen u fil-Grupp ta’ Ħidma dwar Materji ta’ Dritt Ċivili. Barra minn hekk, Malta se taħdem mill-qrib ukoll ma’ Stati membri oħrajn sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti joqorbu aktar lejn xulxin f’dan il-qasam.
L-AMBER Alert System ta’ Malta saret attiva uffiċjament wara li l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, u l-President tal-AMBER Alert Europe, Frank Hoen, iffirmaw il-ftehim ta’ awtorizzazzjoni u sħubija.
Inizjalment hemm 14-il partner li huma diġà ppreparati teknikament biex iwasslu AMBER Alert jekk jinqala’ l-bżonn: l-APS Bank, il-Gozo Channel, il-gazzetta Illum, il-Media.Link Communications, il-Melita Plc, il-portal tal-aħbarijiet Newsbook, il-One Group, il-Public Broadcasting Services, Radju Marija, The Malta Independent, it-Times of Malta, il-Vodafone Malta, u t-Transport Malta. Hemm organizzazzjonijiet oħrajn interessati li jinsabu fil-proċess li jsiru partners sħaħ.
Ġie varat ukoll is-sit elettroniku tal-Amber Alert Malta, amberalert.com.mt, li huwa disponibbli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.
Laurence Cutajar, Commissioner of the Malta Police Force and Carmelo Abela, Minister for Home Affairs and National Security